Mara ssofri ġrieħi gravi f'inċident f'Ħaż-Żebbuġ

Tliet persuni ttieħdu l-Isptar għall-kura

Ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tad-21:30, il-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ.

Il-Pulizija marru mmedjatament fuq il-post fejn minn stħarriġ illi sar irriżulta li kien seħħ impatt bejn vettura tat-tip Fiat Punto misjuqa minn tfajla ta’ 23 sena residenti Raħal Ġdid u vettura tat-tip Ford Focus misjuqa minn ġuvni ta’ 20 sena residenti l-Mosta li flimkien miegħu kemm hemm tfajla ta’ 17-il sena residenti l-Mosta ukoll u ġuvni ta’ 22 sena residenti Birkirkara.

Fil-vettura flimkien mat-tfajla ta’ 23 sena kien hemm mara ta’ 40 sena residenti Santa Lucija u mara oħra ta’ 46 sena residenti x-Xgħajra.

It-tliet persuni li kien hemm fil-vettura Fiat Punto ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’Ambulanza sabiex jingħataw il-kura meħtieġa. Aktar tard, il-mara ta’ 40 sena ġiet iċċertifikata li qiegħda sofri minn ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li ż-żewġ nisa l-oħra ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ta’ natura ħafifa.

Il-Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mill-Għassa tar-Rabat, għadhom għaddejjin.

More in Kronaka