Tinkiser cable car...45 iqattgħu l-lejl imwaħħlin fuqha f'Mont Blanc

110 persuni kienu maqbudin fil-cable car il-Ħamis waranofsinhar

L-operazzjoni ta' salvataġġ għall-persuni li baqgħu mwaħħlin fuq cable car f'Mont Blanc tul il-lejl, kompliet dalgħodu fil-parti Franċiża tal-Alpi.

45 turist kellhom iqattgħu l-lejl li għadda fil-kesħa tal-muntanji tal-Alpi f'għoli ta' madwar 3,800m.

Fil-bidu kien hemm madwar 110 persuna li kienu qed jużaw il-cable car, meta f'daqqa waħda, ilbieraħ waranofsinhar waqfet taħdem u baqgħet imdendla fl-arja. Huwa mifhum li l-kawża ta' din il-ħsara ġiet minħabba li xi cables inqabdu u tgħaqqdu minħabba r-riħ qawwi li ħakem.

Dalgħodu, diversi ħaddiema tas-salvataġġ u tekniċi tal-kumpanija kienu għaddejjin bil-ħidma sabiex isewwu l-ħsara li saret f'dawn il-cables sabiex ikunu jistgħu jkomplu jinħarġu l-persuni maqbuda.

Tard ilbieraħ filgħaxija ġew evakwati 65 persuna, iżda l-operazzjoni tas-salvataġġ kellha titwaqqaf sabiex titkompla llum, wara li l-viżibbiltà kienet naqset drastikament meta dalam.

Kelliem għall-grupp ta' salvataġġ qal li kellu jiġi sospiż dan is-salvataġġ għal raġunijiet ta' sigurtà, waqt li saħaq li qed jitramaw li sa dalgħodu jkunu jistgħu joħorġu lill-passiġġiera kollha, minħabba li żied jgħid li l-operazzjoni hija waħda kkumplikata.

More in Kronaka