L-awtoritajiet fil-Belt ta’ New York, iddeskrivew l-isplużjoni li seħħet il-bieraħ filgħaxija bħala att kriminali deliberat, li ħalla 29 persuna midruba. S’issa għad m’hemm ebda evidenza ta’ konnessjoni terroristika.
L-Uffiċjali tal-iskwadra kontra l-bombi ikkomfermaw li l-isplużjoni ma kienitx aċċidentali, iżda kkawżata deliberatament permezz ta’ bomba, mingħajr ma speċifikaw aktar dettalji dwar it-tip ta’ ordinju li ġie użat.
Wara l-ewwel splużjoni, il-Pulizija u l-Pumpieri waslu fuq il-post u bdew millewwel jevakwaw ir-residenti filwaqt li n-nirien li kkawżat l-isplużjoni kienu qed jiġu mitfija. Jingħad li erba’ blokok il-bogħod mill-post tal-isplużjoni, instab ordinju esplożżiv ieħor, mibni ġo forn, li minnhu kienu ħerġin numru ta’ wires imqabbda ma apparat simili ta’ telefon ċellulari.
CNN irrapportaw li flimkien ma’ din it-tieni bomba istabet nota, iżda s’issa l-kontenut tagħha għadu qed jinżamm mistur.
Intant minn Malta, Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għarraf li wara kuntatti li saru mir-Rappreżentanza Permanenti Maltija fi New York mal-awtoritajiet Amerikani, ma jirriżultax li hemm Maltin fost il-feruti fi splużjoni li fiha kien irrappurtat li weġġgħu mill-inqas 29 persuna.