Aġġornat | Jitlef ħajtu s-sewwieq ta' mutur involut f'inċident tat-traffiku lbieraħ

Jiġi ċċertifikat mejjet illum, is-sewwieq ta' mutur ta' 47 sena, li lbieraħ kien involut f'ħabta ma' karozza fi Triq Ħal Far

Il-vittma ta' 47 sena, Manuel Mangion magħruf bħala 'Spotty'
Il-vittma ta' 47 sena, Manuel Mangion magħruf bħala 'Spotty'

Dalgħodu il-Pulizija ħarġet stqarrija li r-raġel ta' 47 sena, li l-bieraħ kien involut f'inċident tat-traffiku bejn il-mutur li kien qed isuq hu u karozza, sfortunatament tilef ħajtu.

L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-06:00, fi Triq Ħal Far, Birżebbuġa.

Il-vittma ġie identifikat bħala Manuel Mangion  miż-Żurrieq, magħruf bħala 'Spotty'.

Il-Pulizija mid-Distrett marru mmedjatament fuq il-post fejn irriżulta li kien seħħ impatt bejn vettura tat-tip Opel Tigra misjuqa minn ġuvni ta’ 21 sena residenti Birzebbuġa u mutur tat-tip Honda misjuq minn raġel ta’ 47 sena residenti ż-Żurrieq, li kienu qegħdin jinstaqu f’direzzjoni opposta.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti lill-vittma li ftit wara ttieħed l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr N. Galea Sciberras li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Distrett ta’ Birżebbuġa dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

Bosta persuni wrew id-dispjaċir tagħhom għat-telfa ta' Mangion li kien attivist fil-festa ta' Santa Katerina. Fil-fatt, ħafna attivisti tal-festa kienu fost dawk li offrew il-kondoljanzi lill-familja tal-vittma ta' 47 sena.

More in Kronaka