5,000 persuna joħorġu mir-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali

Fil-Baġit 2017, se jkun hemm aktar miżuri biex mhux biss tiżdied l-attività ekonomika, imma jingħataw aktar opportunitajiet u sostenn speċjalment lil dawk bi dħul baxx

Fi stqarrija maħruġa mill-Gvern, ġie mħabbar li wara li s-sena li għaddiet, għall-ewwel darba f’għaxar snin, kien hemm tnaqqis żgħir fir-rata ta’ faqar u esklużjoni soċjali f’pajjiżna.

Statistika uffiċjali uriet li dan it-tnaqqis qed isir aktar konsistenti. Fil-fatt, minn studju fuq kampjun ta’ familji li sar fl-2015 dwar id-dħul li kellhom fl-2014, jirriżulta li madwar 22.4% kienu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Dan ifisser tnaqqis ta’ kważi punt u nofs perċentwali mir-rata osservata sena qabel.

L-istqarrija ssostni li b’kuntrast, matul l-aħħar amministrazzjoni, kien hemm żieda ta’ 18,000 persuna, minn 20% għal 24%. Din iż-żieda qawwija kienet l-oppost tat-tnaqqis ta’ 6,560 li l-gvern preċedenti kien wiegħed bħala l-kontribut ta’ pajjiżna għall-istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

"Bl-ammont ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali issa jonqos b’5,000, fl-ewwel sentejn ta’ din l-amministrazzjoni, finalment, beda jsir progress lejn it-twettiq ta’ din il-wegħda"

Filwaqt li jilqa’ din il-konferma ta’ titjib fil-qagħda ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, il-Gvern huwa kommess favur progress aċċellerat f’dan il-qasam. Huwa għalhekk li, fil-Baġit 2017, se jkun hemm aktar miżuri biex mhux biss tiżdied l-attività ekonomika, imma jingħataw aktar opportunitajiet u sostenn speċjalment lil dawk bi dħul baxx.

More in Kronaka