Dun Fabio Attard jilħaq il-11-il suċċessur ta' Dun Bosco

Il-qassis Għawdxi jilħaq Rettur Maġġur tal-Kongregazzjoni Salesjana waqt id-29 Kapitlu Ġenerali li sar f'Turin

(Ritratt: ANS News (Salesians Publishing House))
(Ritratt: ANS News (Salesians Publishing House))

Dun Fabio Attard, qassis Għawdxi, ġie elett bħala r-Rettur Maġġur tal-Kongregazzjoni Salesjana, jew fi kliem ieħor, bħala l-mexxej dinji tas-Salesjani. Dil-ħatra tagħmel lil Dun Attard il-11-il is-suċċessur ta' Don Bosco, il-fundatur tal-kongregazzjoni.

L-elezzjoni saret waqt id-29 Kapitlu Ġenerali li seħħ f'Valdocco f'Turin, l-Italja, fejn attendew 227 rappreżentant minn 136 pajjiż. 

Imwieled fit-23 ta' Marzu 1959 fir-Rabat, Għawdex, Dun Attard ingħaqad mal-Ordni Salesjana fl-1980 u rċieva l-Ordinazzjoni Djakonali fl-1986 u dik Presibiterali fl-1987.

Okkupa diversi rwoli ta' tmexxija, inkluż bħala r-Rettur tal-Oratorju u l-Iskola Salesjana ta' Saint Patrick's f'Malta. Barra minn hekk, serva wkoll bħala l-fundatur tal-Istitut għall-Formazzjoni Pastorali fl-Arċidjoċesi ta' Malta fl-2005.

Bħala Rettur Maġġur, se jmexxi komunità ta' madwar 13,750 membru kkonsagrat, organizzati f'92 provinċja f'136 nazzjon.

Diversi mexxejja tal-Knisja ferħu għal Dun Attard hekk kif semgħu bl-elezzjoni tiegħu, fosthom l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof t'Għawdex Anton Teuma, u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, li wegħduh l-appoġġ u t-talb tagħhom.

Is-Salesjani ta' Don Bosco huma ordni reliġjuża Kattolika ddedikata għall-edukazzjoni, evanġelizzazzjoni, u l-kura taż-żgħażagħ, partikolarment dawk foqra, emarġinati, jew fil-periklu.

Imwaqqfa minn San Ġwann Bosco fl-1859, l-ordni topera skejjel, ċentri ta' taħriġ vokazzjonali, orfanatrofji, u programmi ta' outreach għaż-żgħażagħ madwar id-dinja.

More in Kronaka