‘Trid tingħata aktar importanza lis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol’

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tagħmel appell sabiex is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jingħataw l-importanza mistħoqqa minn kulħadd

Fi stqarrija maħruġa mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ġie mfakkar li illum sfortunatament seħħ inċident fatali ieħor fuq il-post tax-xogħol. Dan kien il-ħames inċident fatali din is-sena, li minnhom tnejn kienu fis-settur tal-kostruzzjoni.

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ma tistax tidħol fil-mertu ta’ dan l-aħħar inċident peress li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin kemm min-naħa tal-OHSA stess kif ukoll permezz ta’ inkjesta maġisterjali.

Madanakollu, dan l-inċident bħal oħrajn qablu, juru li l-perikli ma jinstabux biss fis-settur tal-kostruzzjoni iżda f’kull post tax-xogħol.

Għalhekk l-OHSA terġà għal darb’oħra tagħmel appell sabiex is-saħħa u s-sigurtà jingħataw l-importanza mistħoqqa minn kulħadd, kemm minn min iħaddem, mill-ħaddiema kif ukoll min jaħdem għal rasu.

L-OHSA tappella wkoll sabiex kull post tax-xogħol, kif mitlub bil-liġi, jagħmel evalwazzjoni tar-riskju xierqa li jkun ikopri l-perikli kollha li jkun hemm fuq il-post tax-xogħol partikolari. Barra minn hekk, u importanti bis-sħiħ, l-OHSA tappella sabiex jittieħdu l-miżuri kollha ta’ prevenzjoni u protezzjoni adegwati.

Huwa biss jekk kulħadd jibda’ jpoġġi s-saħħa u s-sigurtà fuq nett tal-aġenda tagħhom li jkollna postijiet tax-xogħol siguri u li jġibu ‘l quddiem is-saħħa.

More in Kronaka