Raġel ta’ nazzjonalità barranija tilef ħajtu lbieraħ filgħaxija, hekk kif tilef il-kontroll tal-mutur Suzuki li kien qiegħed isuq, u b’konsegwenza ta’ dan tela’ fuq il-bankina u waqa’ minn fuq il-mutur. L-istess mutur baqa’ jitkaxkar għal diversi metri u kellu impatt ma’ xi bankijiet li hemm tul il-promenade.
Minbarra s-sewwieq tal-mutur ta’ 40 sena, fl-inċident kien involut raġel barrani ieħor, ta’ 33 sena u residenti San Pawl il-Baħar, li f’dak il-ħin kien miexi fuq il-bankina wkoll safa’ ferut.
L-inċident seħħ fis 19:00 ta’ filgħaxija f’Dawret il-Gżejjer, San Pawl il-Baħar. Iż-żewġ persuni involuti f’dan l-inċident ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn is-sewwieq tal-mutur sfortunatament tilef ħajtu aktar tard, filwaqt li l- r-ragel ta’ 33 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr C Stafrace Żammit li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.