Sewwieq ta' mutur iweġġa' gravi f'ħabta s-Swieqi

Żagħżugħ ta' 20 sena li kien qed isuq il-karozza ma sofra l-ebda ġrieħi

Ġermaniż ta' 59 sena residenti Ħal Balzan sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f'inċident tat-traffiku bil-mutur li kien qed isuq.

L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 12:10, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq Sant’Andrija, is-Swieqi.

Il-Pulizija mill-Għassa tas-Swieqi marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur tat-tip BMW u karozza tal-għamla Peugeot. Jidher li ż-żewġ vetturi kienu qed jinstaqu fl-istess direzzjoni jiġifieri lejn San Ġiljan.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur – raġel Ġermaniz ta’ 59 sena, residenti Ħal Balzan, lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt.

Il-karozza kienet qiegħda tinstaq minn żagħżugħ ta’ 20 sena residenti Ħal Għargħur li ma sofra l-ebda ġrieħi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

More in Kronaka