Hemm bżonn li jiġu introdotti regolamenti adegwati biex jiġi żgurat li l-livell ta’ taħriġ tal-ewwel għajununa li jingħata minn diversi entitajiet, ikun wieħed li jirrifletti standards internazzjonali.
Miriam Dalli sostniet li kors bażiku fl-ewwel għajnuna huwa essenzjali, għalhekk hemm bżonn li l-korsijiet li jingħataw ikunu tal-għola kwalita’. Fuq dan l-aspett huwa meħtieg li jkun hemm awtorita’ li tiċċertifika li l-korsijiet li qed jingħataw ikunu jirriflettu l-aħħar linji gwida maħruġa minn entitajiet kompetenti.
Fi żjara li għamlet fil-Kwartieri tal-Malta Red Cross f’Pembroke, Miriam Dalli semgħet kif is-Soċjeta’ toffri taħriġ f’dan il-qasam u x’metodoloġija tuża fid-diversi programmi ta’ taħriġ li toffri. Fil-fatt is-Soċjeta’ tħarreġ mijiet ta’ persuni kull sena fl-aħħar prattiċi tal-ewwel għajnuna.
Matul din iż-żjara, id-Direttur Ġenerali tal-Malta Red Cross, Paulette Fenech, qalet li fost l-aħħar investimenti li għamlet is-soċjeta’ fl-operat tagħha kien hemm vettura ġdida b’tagħmir mediku biex tagħti l-ewwel għajnuna fuq il-post ta’ inċident fl-iqsar ħin possibbli. Din il-vettura bdiet tintuża f’Ġunju li għadda bħala parti minn proġett pilota li jiffoka fuq in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż għal matul ix-xhur tas-sajf, meta din in-naħa ta’ Malta tilqa fiha’ l-akbar numru ta’ turisti li jżuru pajjiżna. F’tliet xhur biss, l-uffiċjali offrew l-assistenza tagħhom f’aktar minn 650 każ. Filwaqt li l-maġġoranza tal-każijiet kienu inċidenti żgħar, sfortunatament kien hemm ukoll każijiet ferm aktar serji. Grazzi għall-ħdima tal-Malta Red Cross, flimkien mad-Dipartiment tas-Saħħa u l-Protezzjoni Ċivili, numru ta’ persuni ġew anke salvati mill-mewt.
Għal din il-vettura, is-Soċjeta’ bbenefikat minn ftit inqas minn €25,000 mill-iskema ta’ proġetti ta’ organizzazzjonijiet volontarjii, bil-President tas-Soċjeta’, Edward Gruppetta, jgħid li għaqda volontajra bħal tagħhom tiddependi minn fondi bħal dawn.
Matul iż-żjara ġie spjegat li permezz ta’ Ċentru li għandha f’Pembroke, is-Soċjeta’ tista’ tipprovdi bażi għas-servizzi ta’ emerġenza f’każi ta’ diżastri naturali biex tikkumplimenta l-operazzjonijiet tal-forzi tal-emerġenza tal-pajjiż. Dan iċ-Ċentru, illum għandu kapaċita’ li jipprovdi kenn għal madwar 500 persuna, b’mitt persuna oħra jkunu jistgħu jiġu trattati għall-ġrieħi li jkunu sofrew.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Operazzjonijiet Robert Brincau, għamel referenza għas-sehem importanti tal-voluntiera li bħalissa jammontaw għal madwar 100. Apparti s-sehem tagħhom f’numru ta’ avvenimenti, uħud minnhom kienu impenjati jagħtu l-ewwel għajnuna f’diversi bajjiet madwar f’Malta. Dan sar wara taħriġ speċjalizzat li jkunu ħadu matul is-sena.
“Jeħtieġ li din is-Soċjeta’, li għal snin sħaħ serviet ta’ spalla għad-Dipartimenti tas-Saħħa u l-Protezzjoni Ċivli, tibqa’ tingħata l-għajnuna neċessarja mill-Gvern Malti bil-għan li tkompli taqdi l-funzjoni tagħha bl-aħjar mod possibbli,” temmet tgħid Dr Miriam Dalli.