Aktar minn €190,000 miġburin b’risq il-vittmi tat-terremot fl-Italja

Il-ġenerożità tal-Maltin terġa tintwera permezz ta’ somma flus li nġabret mill-parroċċi madwar Malta

F’għeluq ix-xahar mit-terremot li laqat iċ-ċentru tal-Italja, is-somma miġbura s’issa mill-Knisja f’Malta b’risq il-persuni midruba u dawk li tilfu djarhom hi ta’ €190,880

Id-donazzjonijiet inġabru mill-parroċċi f’Malta u jinkludu wkoll donazzjonijiet li ġew depożitati direttament fil-‘Caritas Malta Emergency Fund’.

Din l-inizjattiva, li tħabbret l-għada tat-terremot, saret fuq talba tal-Arċisqof Charles J. Scicluna. Il-ġbir f’ħafna mill-knejjes sar is-Sibt 27 ta’ Awwissu filgħaxija u l-Ħadd 28 ta’ Awwissu 2016.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kurja, l-Arċisqof irringrazzja lill-Insara Maltin li bil-ġenerozità tagħhom urew kif, fuq il-passi ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Knisja f’Malta trid tkompli tilħaq lil dawk il-persuni li l-aktar qed ibatu, inkluż dawk lilhinn minn xtutna li tilfu l-għeżież tagħhom u anke djarhom fit-terremot tal-24 ta’ Awwissu li għadda.

Id-donazzjonijiet miġbura ser jiġu trasferiti lill-entità tal-Knisja Kattolika ‘Caritas Internationalis’, li pprovdiet l-ewwel għajnuna u assistenza oħra lil-vittmi tat-terremot, fosthom billi tipprovdi mal-1,200 ikla kuljum.

Il-Knisja fl-Italja offriet ukoll residenzi tagħha biex tilqa’ persuni bla dar, u qed toffri ukoll servizz ta’ counselling.

It-terremot li laqat iċ-ċentru tal-Italja fit-3:36 a.m. tal-24 ta’ Awwissu ħalla 297 persuna mejta, 388 persuna midruba u 3,027 persuna mingħajr dar.

Id-donazzjonijiet ta’ flus jistgħu jingħataw lil-Caritas permezz ta’ ċekk indirizzat lil ‘Caritas Malta Emergency Fund’, 5, Triq l-Iljun, Floriana FRN 1514.

More in Kronaka