Anzjan ta' 78 sena sofra ġrieħi gravi wara li tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu u baqa' dieħel f'siġra.
Il-każ seħħ iktar kmieni llum, għall-ħabta tal-16:00, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku fi Triq l-Imdina, Ħ'Attard.
Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li anzjan ta’ 78 sena kien qed isuq vettura tat-tip Hillman Hunter, meta għal xi raġuni tilef il-kontroll, laqat vann tat-tip Ford Connect u baqa’ dieħel ġo siġra.
L-anzjan u x-xufier tal-vann, li għandu 30 sena huma t-tnejn residenti Ħal Qormi.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-anzjan l-isptar Mater Dei għall-kura medika. Iżjed tard hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Għassa ta’ Birkirkara għadhom għaddejjin.