Raġel barrani ta' 33 sena, li huwa residenti f'Tas-Sliema qed jinżamm mill-Pulizija għal iktar stħarriġ b'rabta mal-qtil ta' omm ta' 41 sena f'San Ġiljan.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-17:00, meta l-Pulizija ta’ San Ġiljan ġiet mgħarrfa li kien hemm persuna mejta ġewwa residenza privata fi Triq George P. Badger, San Ġiljan.
Il-Pulizija marret minnufih fil-post indikat lilha fejn sabet ġisem bla ħajja ta’ mara fuq sodda, u l-vittma ġiet identifikata bħala Caroline Magri ta' 41 sena mill-Imqabba, iżda residenti San Ġiljan.
Persuni li kienu qrib tar-residenza fejn instabet mejta l-vittma semmew kif instemgħet bint il-vittma tgħajjat li kienu qatlula lil ommha fost biki kontinwu min-naħa tagħha, hekk kif kienet hi li sabet il-ġisem imdemmi u bla ħajja ta' ommha mixħut fuq is-sodda.
Il-Pulizija mill-ewwel sostniet li dan huwa każ ta' omiċidju fejn intqal li Magri nqatlet permezz ta' arma li taqta’ u bil-ponta.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Consuelo Scerri Herrera li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Hu mifhum li l-vittma hi magħrufa sew mal-Pulizija u x-xahar li għadda ġiet imressqa l-Qorti dwar każ ta' ġlieda fil-Furjana fejn kienu involuti wkoll tliet irġiel barranin.