Ikompli l-massakru fuq għasafar protetti
It-total ta’ għasafar li hu magħruf li ġew maqtula dan l-istaġun tal-ħarifa issa jlaħħaq xejn inqas minn 31
More in Kronaka
It-total ta’ għasafar li hu magħruf li ġew maqtula dan l-istaġun tal-ħarifa issa jlaħħaq xejn inqas minn 31
8 għasafar protetti oħra maqtula hekk kif ikompli l-massakru It-total ta’ għasafar li hu magħruf li ġew maqtula dan l-istaġun tal-ħarifa issa jlaħħaq xejn inqas minn 31
Filwaqt li l-kaċċa tal-ħarifa qed tkompli mingħajr xi tip ta’ indikazzjoni dwar il-possibbiltà li tiġi sospiża minkejja l-ammont kbir ta’ illegalitajiet li diġà kellna fl-ewwel xahar tal-istaġun, hekk ukoll qed tkompli l-kaċċa illegali ta’ tajr protett li issa laħqet livelli allarmanti.
Minkejja l-fatt li l-passa tat-tajr tal-priża issa bdiet tnaqqas bil-mod, b’dan it-tajr qed jonqos, matul l-aħħar jiem kellna tmien (8) għasafar protetti oħra li ġew maqtula. Dan hekk kif kull speċi ta’ tajr – minn spanjuletti u rsieset saħanistra sa Ħawwief – qiegħed jispiċċa fil-mira tal-massakru li bħalissa għaddej fil-kampanja Maltija.
Dan itella’ t-total ta’ għasafar protetti li hu magħruf li ġew maqtula s’issa fl-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa ta’ din is-sena għal xejn inqas minn wieħed u tletin (31) kaġun tal-kaċċa bla kontroll u n-nuqqas assolut ta’ infurzar tal-liġijiet biex din tiġi b’xi mod imrazzna.
Bejn ilbieraħ u llum, voluntieri tar-Raptor Camp ta’ BirdLife Malta osservaw il-qtil ta’ millinqas erba’ spanjuletti fi spazju ta’ ftit aktar minn 24 siegħa f’partijiet differenti ta’ Malta. Filjiem ta’ qabel kienu rappurtati każi oħrajn fosthom il-qtil ta’ Russett Griż, spanjulett ieħor u anke tiri fuq il-Ħawwief bil-qtil ta’ mill-inqas tnejn.
Din hija lista kronoloġika tal-każi ta’ kaċċa illegali li seħħew mill-aħħar stqarrija ta’ BirdLife Malta datata 25 ta’ Settembru ‘l hawn u li jtellgħu t-total ta’ għasafar protetti maqtula li nafu bihom minn 23 għal 31:
29 ta’ Settembru: Russett Griż (Grey Heron) jitniżżel fl-Imtaħleb. 29 ta’ Settembru: Spanjulett (Kestrel) jinqatel fl-istess ġurnata. 4 ta’ Ottubru: Ammont ta’ Ħawwief (House Martin) jispiċċa fil-mira tal-kaċċaturi f’Binġemma. Jinqatlu mill-inqas tnejn. 6 ta’ Ottubru (filgħodu): Spanjulett (Common Kestrel) jitniżżel f’Delimara. 6 ta’ Ottubru (waranofsinhar): Żewġ Spanjuletti (Kestrels) maqtula fl-Imtaħleb. 7 ta’ Ottubru (dalgħodu): Spanjulett (Kestrel) ieħor jinqatel fi Clapham Junction.
Membri tar-Raptor Camp ta’ BirdLife Malta li bħalissa għaddejjin b’sorveljanza tal-kaċċa illegali tul il-passa tal-għasafar raw il-parti l-kbira ta’ dawn l-għasafar jinqatlu b’għajnejhom stess. Il-każi kollha ġew rappurtati lill-pulizija għal aktar stħarriġ u veterinarju kkonferma li lgħasafar mietu kaġun ta’ tiri ta’ senter.