Għawdex u diversi nħawi fit-Tramuntana tħallew maqtugħin mid-dinja, mingħajr servizz ta' internet, televiżjoni, linja tal-mobile u linja fissi għall-klijenti tal-Melita, wara li kuntrattur li kien qed jagħmel xi xogħlijiet f'San Pawl il-Baħar, laqat cable tal-fibre optic.
Minħabba dan, kienu bosta l-persuni f'Għawdex u ż-żoni affetwati f'Malta, inkluż l-Imġarr, il-Bidnija, il-Mellieħa, ix-Xemxija u ż-Żebbiegħ li esprimew ir-rabja tagħhom għal dan. Fil-fatt, diversi persuni qalu li kellhom jidħlu fi spejjeż bla bżonn ta' internet addizjonali mingħand kumpaniji lokali oħra, fost l-oħrajn sabiex ikunu jistgħu jkomplu bix-xogħol tagħhom, wara li s-servizz tagħhom ġie maqtugħ ħesrem.
Min-naħa tagħha, il-kumpanija Melita qalet li l-ħaddiema u t-tekniċi tagħha jinsabu fuq il-post sabiex isewwu l-ħsarat li saru u jirritorna lura s-servizz malajr kemm jista' jkun. Il-kumpanija qalet ukoll li s-servizz għandu jiġi lura għan-normal sa mhux iktar tard mis-18.00.