Raġel ta' 28 sena ġie aggredit minn tliet persuni hekk kif ħareġ mir-residenza tiegħu.
Il-każ seħħ iktar kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-6:15 meta il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq il-Ħarrub, f’Ħ’Attard.
Il-Pulizija mid-Distrett ta’ Birkirkara marru immedjatament fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta’ 28 sena residenti Ħ’Attard stess allegatament ġie aggredit minn tliet persuni mhux magħrufa.
Il-persuni, li kellhom wiċċhom mgħammad, avviċinaw lir-raġel wara li kien għadu kif ħareġ minn residenza fil-viċin u kien ser jidħol ġo vettura. Hekk kif avviċinawh, ir-raġel allega li qala daqqiet kemm bil-ponn kif ukoll b’oġġett iebes.
Ir-raġel irnexxielu jaħrab lejn ir-residenza tiegħu u talab għall-assistenza. Ir-raġel ittieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa għall-kura medika. In-natura tal-ġrieħi li sofra mhijiex magħrufa.
Bil-każ, il-Pulizija infurmat lill-Maġistrat tal-Għassa li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.