23% biss tan-nies iħossu li s-servizz tat-trasport pubbliku huwa ‘tajjeb’. Dan jirriżulta minn stħarriġ li għamlet il-gazzetta ILLUM fost kampjun ta’ 66 persuna li kienu qegħdin jistennew il-karozza tal-linja tagħhom minn fil-venda tal-Belt Valletta.
Min-naħa l-oħra, kienu 27% tal-persuni li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ li qalu li s-servizz tat-trasport pubbliku huwa ‘ħażin’. Dan filwaqt li 33 persuna, jiġifieri 50% tan-nies qalu li s-servizz ‘la hu tajjeb u lanqas ħażin’. Ħafna minn dawn tal-aħħar qalu lil din il-gazzetta, li l-livell tas-servizz ivarja skont il-ħin u xi kultant skont il-ġurnata wkoll.
Dan huwa t-tielet stħarriġ li qed tagħmel il-gazzetta ILLUM dwar dan is-suġġett. Fis-17 ta’ Jannar kien sar l-ewwel stħarriġ fost 100 passiġġier fil-venda tal-Belt Valletta u fuq il-waqfiet quddiem l-Isptar Mater Dei. Dakinhar, 75% kienu qalu li t-trasport pubbliku mar għall-agħar, 14% qalu li s-servizz baqa’ kif kien, waqt li kienu biss 11% li qalu li s-servizz tjieb.
Fit-tieni stħarriġ, li sar fil-15 ta’ Mejju li għadda, fost 50 passiġġier fil-venda tal-Belt Valletta, 40% qalu li raw titjib fis-servizz tat-trasport pubbliku, 36% ħassew li mar għall-agħar u 24% ma raw l-ebda titjib.
Kważi sentejn wara li l-operaturi Spanjoli, ‘Autobuses de León’ ħadu t-trasport pubbliku taħt idejhom, jirriżulta għalhekk li għalkemm is-servizz tjieb meta mqabbel mal-bidu tal-operat, għad kemm ammont konsiderevoli ta’ passiġġiera li mhumiex kuntenti bis-servizz offrut.
Il-maġġoranza ta’ dawk li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ li l-puntwalità tibqa’ l-ikbar problema fis-sistema tat-trasport pubbliku.
‘Move back please’
Ilment komuni fuq il-karozzi tal-linja huwa li l-karozzi jgħaddu mimlijin
Fil-fatt, kienu 40 persuna minn dawk li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ tal-ILLUM li saħqu li bosta drabi, il-karozzi tal-linja li jużaw huma ma jżommux mal-ħin, jaslu tard jew saħansitra lanqas biss jiġu. Numru sostanzjali ta’ persuni qalu li t-traffiku hija l-akbar problema għat-trasport pubbliku, u sostnew li dan huwa ċirku sħiħ għaliex jekk il-karozzi jeħlu fit-traffiku, dawn se jdumu biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom u konsegwentement, il-karozza ddum biex terġa’ titlaq mill-waqfa tagħha. Problemi oħra li ssemmew kienu dawk tal-frekwenza tal-karozzi, u b’konsegwenza ta’ dan l-ammont kbir ta’ karozzi mimlijin jew ‘full-up’ li jgħaddu mill-waqfiet rispettivi. Għal darb’oħra, iż-żoni turistiċi u ferm popolati ta’ Tas-Sliema, San Pawl il-Baħar/Buġibba, il-Mosta u Birkirkara, qed jerġgħu jissemmew bħala ż-żoni fejn din il-problema hi l-aktar prevalenti.
Diversi persuni sostnew ukoll li diversi rotot huma twal wisq u għaldaqstant wieħed jieħu ħafna iktar ħin sabiex jasal fid-destinazzjoni tiegħu, u żiedu jgħidu li hemm bżonn li jkun hemm linji iktar diretti għal ċertu destinazzjonijiet bħal skejjel jew postijiet popolari.
Fost l-istudenti li pparteċipaw fl-istħarriġ tal-ILLUM, partikolarment dawk mill-Higher Secondary tan-Naxxar kien hemm l-insistena li m’hemmx biżżejjed karozzi jaqdu r-rotta li tieħu lill-istudenti l-iskola, u b’konsegwenza ta’ dan ikun hemm studenti li jibqgħu l-art jew oħrajn li jkollhom jaqbdu rotot differenti.
Għat-tielet darba fl-istħarriġ tal-ILLUM, reġa’ kien hemm numru ta’ lmenti rigward il-venda tal-Belt, l-aktar minħabba li sentejn wara l-bidu tal-operat tal-‘Autobuses de León’, il-waqfiet fil-foss għadhom mingħajr xelter, ilqugħ u bankijiet adegwati.
Kuntrarjament għall-perċezzjoni, l-ilmenti dwar ix-xufiera li ltaqgħet magħhom l-ILLUM kienu ftit. Minn 66 persuna, kienu erba’ biss li lmentaw fuq ix-xufiera tal-karozzi tal-linja, għalkemm sostnew li x-xufiera li ma jgħinux lill-passiġġiera huma fil-minoranza.