92% jaqblu mal-underground imma ma jużawhiex jekk tkun ‘għalja’

Il-maġġoranza tal-persuni qalu li tkun għalja wisq jekk il-biljett ikun jiswa €3 għal kull sagħtejn. 46% wieġbu li kieku jkollu dan il-prezz, xorta jużaw l-underground minħabba li jkun effiċjenti

Sabiex tittaffa l-problema tat-traffiku li prattikament twaħħal nofs Malta kuljum, u allura taffetwa anke t-trasport pubbliku, kien hemm bosta proposti ta’ trasport alternattiv, fosthom sistema ta’ ferroviji taħt l-art li jgħaqqdu żoni differenti tal-pajjiż, għal traġitt effiċjenti u f’qasir żmien. Għaldaqstant, waħda mill-mistoqsijiet li saru lill-persuni li ħadu sehem fl-istħarriġ tal-ILLUM kienet jekk jaqblux li għandha tiġi introdotta sistema ta’ underground f’Malta. Mingħajr sorpriżi,

il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li wieġbu, jew 92% qalu li jaqblu li għandha ssir din is-sistema ta’ trasport biex ikun hemm effiċjenza fit-trasport. Min-naħa l-oħra, dawk li wieġbu fin-negattiv dwar sistema ta’ underground, qalu li pajjiżna huwa żgħir wisq biex ikollu sistema ta’ dan it-tip. Dawn sostnew li mbagħad is-sistema ta’ trasport tissarraf f’waqfiet qrib wisq ta’ xulxin, u allura xorta waħda ma tkunx effiċjenti.

Minkejja l-appoġġ maġġoritarju sabiex tinbena l-underground, meta mistoqsija dwar rata li jkollhom iħallsu, il-maġġoranza tal-persuni qalu li tkun għalja wisq jekk il-biljett ikun jiswa €3 għal kull sagħtejn. 46% wieġbu li kieku jkollu dan il-prezz, xorta jużaw l-underground minħabba li jkun effiċjenti. Dan filwaqt li ħafna minn dawn in-nies qalu li r-rata hija għolja, imma jkollhom jużawh għaliex ma jkunx hemm għażla oħra.

Minkejja dan, 48% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li ma jużawx dan is-servizz, b’ħafna minnhom isostnu li prezz ta’ dan it-tip ikun għali wisq, partikolarment għall-pagi li għandhom il-Maltin.

More in Kronaka