Ġlieda bejn żewġ Libjani u Amerikan f’Paceville

Argument f’Paceville bejn tliet irġiel, ħalla wieħed minnhom, ta’ nazzjonalità Amerikana mweġġa’ gravi

Ilbierah filgħaxija għall-ħabta tas-00:45, il-Pulizija ta’ Paceville ġiet infurmata li kien hemm argument fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan (Paceville).

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post fejn sabet li kien qam argument bejn xi rġiel. Sakemm il-Pulizija kienet qiegħda tipprova tikkalma s-sitwazzjoni, wieħed mill-irġiel ħarab minn fuq il-post.

Minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li kien qam argument bejn żewġt irġiel Libjani li għandhom 33 sena u 35 sena u ieħor Amerikan ta’ 35 sena. Sadanittant, il-Pulizija giet infurmata li ftit ‘il bogħod kien hemm persuna feruta u li din kienet ittieħdet l-isptar għall-kura. Wara iktar stħarriġ ġie stabbilit li din kienet l-istess persuna li ħarbet minn fuq il-post wara l-argument. 

Investigazzjonijiet ulterjuri wrew li waqt l-argument, il-Libjan ta’ 35 sena għal xi raguni nbotta lill-Amerikan bil-konsegwenza li dan waqa’ u ħabat rasu ma’ skip tal-ħadid u kif ukoll qala’ diversi daqqiet.  L-Amerikan ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.

Ir-raġel Libjan ta’ 35 sena wkoll ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief.  Filwaqt li r-raġel ta’ 33 sena rrifjuta l-assistenza medika.

Iż-żewġt irġiel Libjani għadhom qed jinżammu mill-Pulizija sabiex jgħinuha fl-istħarriġ li għadu għaddej. 

More in Kronaka