Għall-ħabta tal-23:30 tal-lbieraħ filgħaxija, waqt li l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit kienu qegħdin jagħmlu road checks fi Triq it-Tlett Ibliet, Bormla, twaqqfet vettura tat-tip Skoda Felicia Combi, iżda għal xi raġuni x-xufier irriversja fuq il-Pulizija u reġa’ saq ‘il quddiem b’veloċita` qawwija sabiex jaħrab minnhom.
Kawża t’hekk, kuntistabbli tal-Pulizija ntlaqat mill-vettura u sofra xi ġrieħi. Il-Pulizija sparat tir lejn il-vettura sabiex tipprova twaqqafha iżda din baqgħet tinstaq b’mod perikoluż fid-direzzjoni lejn il-Fgura.
Wara li l-Pulizija saqu wara l-vettura maħruba, din twaqqfet fi Triq Hompesch, il-Fgura fejn ġie arrestat ix-xufier.
Minn tfittxija li saret fil-vettura nstab ammont żgħir ta’ sustanza suspettata raża tal-kannabis u arma li taqta’ u bil-ponta.
Is-sewwieq tal-vettura li għandu 20 sena residenti ż-Żejtun, ma sofra l-ebda ġrieħi u għadu qiegħed jinżamm mill-Pulizija għal iktar stħarriġ. Filwaqt li l-kuntistabbli tal-Pulizija ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Clarke li ħatret diversi esperti sabiex jgħinuha fl-inkjesta li ġiet appuntata, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.