Il-Franċiżi kienu lmentaw fuq il-kwalità tal-manutenzjoni tal-ajruplan

Hemm diversi rapporti kontrastanti dwar it-tip ta' xogħol li kienu jagħmlu l-ħames vittmi

Id-Direttorat tal-Armamenti Ġenerali (DGA) fi ħdan il-Ministeru għad-difiża Franċiż, kien esprima t-tħassib tiegħu dwar il-livell u l-kwalità tal-manutenzjoni li saret fuq l-ajruplan, li nhar it-Tnejn li għadda, iġġarraf f'pajjiżna, ftit wara li kien għadu kemm telaq minn fuq ir-runway, b'konsegwenza li l-ħames persuni abbord, tilfu ħajjithom. 

Il-manutenzjoni ta' dan l-ajruplan kienet issir minn CAE Aviation, li hija kumpanija bbażata fil-Lussemburgu li kienet tikri dawn l-ajruplani. Il-gazzetta MaltaToday tirraporta kif id-DGA kien wera t-tħassib tiegħu fuq il-manutenzjoni iktar kmieni din is-sena, u għaldaqstant it-tħassib għas-sigurtà tal-persuni abbord.

Il-kumpanija CAE Aviation ikkonfermat li l-ajruplan, bin-numru ta' reġistrazzjoni N577MX kien tagħha, imma qalet li din it-titjira kienet parti minn missjoni tal-Ministeru tad-Difiża Franċiż. Dan jikkuntrasta ma' dak li kien intqal mill-Gvern Malti, li fi stqarrija dakinhar tal-każ, intqal li t-titjira kienet parti minn missjoni tad-Dipartiment tad-Dwana Franċiża b'rabta ma' rotot fil-Mediterran ta' traffikar ta' bnedmin u ta' drogi. Min-naħa tagħha, id-Dwana Franċiża ċaħdet li l-ajruplan kien għaddej b'missjoni mibgħut minnha.

Il-passiġġiera tal-ajruplan vittmi ta' dan il-każ, minkejja li ġew ikkonfermati li huma ċittadini Franċiżi, għad ma ġiex ikkonfermat it-tip ta' xogħol li jagħmlu, u kien hemm bosta rapporti kontrastanti dwar dan.

More in Kronaka