Aġġornat | Jisplodi post fejn jinħażnu l-logħob tan-nar fil-Gudja

Ambulanzi u vetturi tal-Protezzjoni Ċivili diġà fuq il-post. Ikkomfermat li ma weġġa' ħadd

Għall-ħabta tal-16.30, kien hemm splużjoni f'post fejn jinħażnu l-logħob tan-nar fil-Gudja, x'aktarx kontejner mimli murtali lesti biex jintuża għall-festa tal-Gudja llejla.

Filmat ta' Michel L J Galea

L-isplużjoni nstemgħet sew fl-irħula tan-naħa t’isfel ta’ Malta. Minn kummenti ta' bosta nies fuq facebook jidher li minbarra l-Gudja u Ħal Għaxaq, fejn l-isplużoni nstemgħet b'mod allarmanti, nies minn Ħal Luqa, Tarxien, Birżebbuġa u Fgura semgħu l-isplużoni, segwita bi ħsejjes ta' ħafna murtali u saħanstira raw daħna kbira tiela'.

Xhieda fuq il-post qalu li diġa' raw Ambulanzi u vetturi tal-Protezzjoni Ċivili fuq il-post, le qed jagħmlu tfittxija biex jaraw jekk l-isplużjoni ħallietx vittmi. S'issa jidher li ma weġġa’ ħadd hekk kif anke dawk li kienu fuq il-post biex jaħarqu n-nar għall-festa tal-Madonna taċ-Ċintura, ċċelebrata llejla, kollha kkonfermaw li jinsabu sew.

Il-Pulizija għalqet iż-żona madwar il-kamra tan-nar u qed tikontrolla t-traffiku li jgħaddi viċin taż-żona. Fuq il-post waslu wkoll suldati mill-'Bomb Disposal Unit'. Il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili qegħdin jassistu u jinsabu lesti għal kull eventwalitá.

Fuq il-post waslu wkoll il-Ministri Carmelo Abela u Chris Fearne. Il-Forzi Armati, il-Pulizija u l-Protezzjoni Ċivili flimkien mas-servizzi tal-emerġenza, għaddejin b'ħidma kkordinata.

Aktar dettalji 'l quddiem

More in Kronaka