Karozza bomba tħalli raġel mejjet f'San Pawl il-Baħar. Il-każ seħħ iktar kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-7.00 fi Triq Paderborn Buġibba, kantuniera ma' Triq il-Ġifen.
Minn stħarriġ preliminari tal-Pulizija tad-distrett irriżulta li seħħet splużjoni u konsegwenza ta' dan, raġel li kien qed isuq il-karozza tilef ħajtu. Kawża tal-isplużjoni, il-vittma spiċċa barra mill-vettura, u s-saqaf tal-karozza inqala' u tar. Il-vittma, li ġie identifikat bħala John Camilleri, magħruf bħala Giovann Camilleri huwa negozjant ta' 67 sena fil-qasam tal-madum u l-kmamar tal-banju, residenti n-Naxxar kien qed isuq Mitsubishi Pajero.
Fuq il-post tal-inċident issejħu ambulanzi u wkoll membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu.
Dan il-każ huwa t-tielet każ ta' bomba fil-vettura matul din is-sena, b'din il-vittma tkun it-tieni waħda li tilfet ħajjitha wara l-bomba fil-karozza ta' Martin Cachia li tilef ħajtu fil-bypass ta' Marsaskala. Il-każ l-ieħor kien seħħ fi Triq Aldo Moro ix-xahar li għadda, b'konsegwenza li x-xufier tilef saqajh it-tnejn.