Ir-residenti ta' Buġibba, partikolarment dawk li joqogħdu fil-viċinanzi ta' fejn iktar kmieni dalgħodu splodiet karozza bomba li ħalliet lil raġel ta' 67 mejjet, jinsabu mwerwrin għall-fatt li dan il-każ seħħ daqstant viċin tad-djar tagħhom.
Residenti li kienu f'kuntatt mas-sit illum.com.mt qalu kif jinsabu mwerwrin għall-fatt li l-bomba fil-karozza splodiet litteralment passi biss bogħod mid-dar tagħhom. Iż-żona hija waħda ferm popolata u densa hekk kif hemm numru kbir ta' blokok ta' appartamenti qrib xulxin fit-triq li sar il-każ, u fit-toroq tal-madwar.
Resident li tkellem ma' din il-gazzetta li wkoll kien ixxukjat b'dak li ġara, u bil-fatt li seħħ metri biss mir-residenza tiegħu qal, "nirringrazzjaw 'l Alla li ma kien għaddej ħadd mit-triq dak il-ħin, għaliex kieku kienet tiġri xi traġedja ħafna ikbar minn dik li saret."
Ftit 'il bogħod mill-post fejn splodiet il-karozza tat-tip Mitsubshi Pajero li ħalliet lill-vittma bla ħajja, hemm blokok kbar ta' appartamenti, gym u anke mini market.
Il-vittma ġiet identifikata bħala John Camilleri magħruf bħala Giovann Camilleri li huwa negozjant fil-qasam tal-madum u l-kmamar tal-banju, residenti n-Naxxar.