Suċċess ieħor fil-ħidma kontra d-droga

Iskwadra ta’ Kontra d-Droga tagħmel tmien arresti separati b'konnessjoni ma' pussess u traffikar ta' droga

L-iskwadra ta' Kontra d-Drogi tagħmel tmien arresti fuq pussess u traffikar ta' kannabis, kokaina u ecstacy
L-iskwadra ta' Kontra d-Drogi tagħmel tmien arresti fuq pussess u traffikar ta' kannabis, kokaina u ecstacy

Wara ħidma li saret fi tmiem il-ġimgħa mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, ġew arrestati tmien persuni. 

Erbgħa minnhom, li huma kollha rġiel u li l-eta` tagħhom tvajra bejn il-15 u l-21 sena, ġew arrestati f’Marsaskala wara li nstabu fil-pussess ta’ sustanzi suspettati ħaxixa u raża tal-kannabis. 

F’każ separat, il-Pulizija arrestat raġel ieħor ta’ 26 sena ġewwa bar fiż-Żejtun wara li nstab fil-pussess ta’ sustanza suspettata kokaina. 

F’każ ieħor din id-darba f’Paceville, ġew arrestati żewġt irġiel oħra li għandhom 20 u 35 sena.  Ir-raġel ta’ 20 sena nstab fil-pussess ta’ madwar 100 pillola suspettata ecstacy u numru ta’ qratas b’sustanza bajda suspettata kokaina li kienu lesti sabiex jiġu ttraffikati.  Minn iktar investigazzjonijiet u tfittxijiet li saru f’garaxx f’Ħ’Attard nstab ukoll ammont sostanzjali ta’ sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis. 

Iż-żagħżugħ tressaq il-Qorti llum, b’akkużi relatati ma’ traffikar u pussess ta’ droga fost oħrajn.  Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest. Ir-raġel ta’ 35 sena nstab fil-pussess ta’ sustanza suspettata kokaina.

F’ħidma konġunta mal-uffiċjali tad-dwana, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 22 sena, mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li nstab fil-pussess ta’ madwar 3.4 kilogrammi ta’ sustanza suspettata khat.  Huwa wkoll tressaq il-Qorti llum fejn ġie akkużat b’importazzjoni u pussess ta’ droga fost oħrajn.  Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi kontrih u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka