Mara tweġġa gravi f’inċident tat-traffiku

Inċident tat-traffiku l-lejl li għadda jħalli mara f'kundizzjoni gravi li tinsab fit-taqsima tal-kura intensiva

Għal ħabta ta’ nofsillejl tal-lejl li għadda, seħħ inċident tat-traffiku f’Dawret il-Gudja, il-Gudja, li kien jinvolvi ħabta ‘head-on’ bejn żewġ vetturi, BMW  u Toyota

Il-BMW kienet qiegħda tiġi misjuqa minn żagħżugħ ta’ 19-il sena residenti Marsaskala filwaqt li t-Toyota kienet qed tinstaq minn mara ta’ 22 sena li toqgħod il-Gudja stess. 

Fuq il-post issejħu l-Pulizija mill-għassa ta’ Birżebbuġa flimkien ma’ żewġ ambulanzi li ħadu lis-sewwieqa l-Isptar Mater Dei għall-kura.  Il-mara ta’ 22 sena ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi tant li tinsab fit-taqsima tal-kura intensiva, filwaqt li ż-żagħżugħ ma sofra l-ebda ġrieħi. 

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Frendo Dimech li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

It-triq imsemmija kellha tingħalaq għat-traffiku għal xi ħin.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom ghaddejjin. 

More in Kronaka