Tifel ta' 5 snin jintlaqat minn karozza

Tifel minn Ħal Qormi sofra ġrieħi gravi

Tifel ta’ ħames snin milqut minn vettura

Tifel ta' ħames snin minn Ħal Qormi, iktar kmieni dalgħodu spiċċa vittma ta' inċident fejn intlaqat minn karozza, u konsegwenza ta' dan sofra ġrieħi ta' natura gravi.

Il-każ seħħ dalgħodu ftit qabel it-8:25, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq Correa, Ħal Qormi.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li tifel ta’ 5 snin residenti Ħal Qormi stess, għal xi raġuni safa’ milqut minn vettura tat-tip Daihatsu Sirion.

Il-vettura kienet qiegħda tinstaq minn mara ta’ 32 sena residenti Ħaż-Żebbuġ.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lit-tifel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Iktar tard, il-Pulizija ġiet infurmata li t-tifel qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka