Anzjan ta' 78 sofra ġrieħi gravi wara li ntlaqat minn karozza fir-Rabat.
Il-każ seħħ iktar kmieni llum għall-ħabta tat-8:30, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fl-inħawi tas-Salib, limiti tar-Rabat.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li anzjan ta’ 78 sena, residenti r-Rabat stess, kien safa’ milqut minn vettura tat-tip Peugeot.
Il-vettura kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 28 sena residenti Tas-Sliema.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-anzjan l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Iktar tard, il-Pulizija ġiet infurmata kien qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Għassa tar-Rabat għadhom għaddejjin.