Tifel li seta' kien xhud fil-każ tal-abbuż fl-iskola, jaqla' xebgħa

Tasal informazzjoni minn sorsi viċin il-Pulizija li wieħed mix-xhieda probabbli tal-każ qala' s-swat

Wara li l-bieraħ ġie rappurtat kif allegatament għalliem tal-arti abbuża minn studenti fl-iskola sekondarja fil-Ħamrun, kif ukoll 'stieden' lil studenti oħrajn ikunu parti mill-abbuż, sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta sostnew li bħalissa fl-iskola, dan il-każ qiegħed fuq fomm kulħadd. Fil-fatt, intqal kif issa, wara li bdiet ħierġa din l-istorja, kienu għadd ta' persuni fi ħdan l-iskola li qed jippuntaw subgħajhom lejn l-istess għalliem. Dan mhux fl-iskola biss, iżda dan il-każ ilu jkun is-suġġett ta' diskussjoni fuq il-media u fost il-poplu tul il-ġurnata tal-bieraħ

L-istess sorsi li tkellmu mal-illum.com.mt, qalu kif sigħat wara li faqqa' fid-deher dan l-allegat każ, wieħed mis-subien li kien jew seta' kien xhud tal-abbużi li saru, qala' xebgħa. Jidher li t-tifel ingħata xebgħa, hekk kif hemm il-biża' li tinkixef iktar informazzjoni fuq il-każ.

Min-naħa tagħhom, il-Pulizija qed ikunu kawti ħafna fil-mistoqsijiet li jirrispondu minħabba li sostnew li tinsab għaddejja inkjesta bil-maġistrat.

More in Kronaka