Tal-inqas 100 persuna tilfu ħajjithom kmieni dalgħodu hekk kif 14-il karrozza ta' ferrovija fl-Indja nqalbu f'Uttar Pradesh. S'issa ġew irrappurtati wkoll aktar minn 150 persuna midruba gravi, hekk kif l-uffiċjali tas-salvataġġ għadhom qegħdin joħorġu l-vittmi minn qalb it-tifrik tal-ferrovija.
L-inċident seħħ fuq l-Indore-Patna Express fit-03:00 ta' filgħodu (ħin Indjan) viċin il-belt ta' Kanpur.
S'issa għadu mhux ċar x'ikkawża l-inċident li fih inqalbu l-14 il-vagun. Uħud mill-passiġġieri li salvaw stqarrew mal-awtoritajiet lokali li l-ferrovija kienet għaddejja b'veloċità normali, "F'daqqa waħda instema' ħoss tal-brejks u nqala l-paniku".
Il-maġġoranza tal-vittmi, li dak il-ħin kienu reqdin fil-kabini tagħhom kienu jinsabu fl-ewwel żewġ vaguni. L-operazzjoni tas-salvataġġ għada għaddejja, hekk kif għad hemm numru ta' passiġġieri li għadhom maqbuda qalb it-tifrik.