Ġuvni ta' 24 sena minn Santa Venera sofra ġrieħi gravi wara li qaka daqqiet ta' sikkina f'argument li kellu ma' żagħżugħ ieħor ta' 23 sena, ukoll minn Santa Venera. Dan tal-aħħar ħarab minn fuq il-post, iżda ġie mwaqqaf mill-Pulizija.
Il-każ seħħ matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tat-2:45am, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa residenza privata fi Triq l-Erbgħa ta’ Settembru 1918, St. Venera.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post fejn sabet tim mediku li kien qiegħed jassisti persuna feruta. Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li għal xi raġuni kien qam argument bejn żewġ ġuvintur li għandhom 23 u 24 sena, it-tnejn residenti Santa Venera.
Jidher li waqt l-argument, il-ġuvni ta’ 24 sena allegatament sofra xi feriti permezz ta’ strument li jaqta’ u bil-ponta. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Iż-żagħżugħ ta’ 23 sena ħarab minn fuq il-post b’karozza iżda ġie mwaqqaf u arrestat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit ftit wara. Huwa wkoll ingħata kura medika ġewwa Ċentru tas-Saħħa fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ħatar diversi esperti sabiex jgħinuh fl-Inkjesta li ġiet appuntata filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.