Raġel mill-Venezwela jinqabad b'100 kapsula kokaina fl-istonku tiegħu

Il-kompliċi tiegħu, tinqabad aktar tard b'kilogramm kokaina ieħor, għal total ta' 2 kilogrammi bejniethom biex jiġu traffikati hawn Malta

L-akkużat bela mitt kapsula mimlijin kokaina biex jiġu traffikati Malta
L-akkużat bela mitt kapsula mimlijin kokaina biex jiġu traffikati Malta

Żewġ persuni mill-Venezwela nżammu taħt arrest wara li ġew mixlija bit-traffikar ta' mhux inqas minn 2 kilogrammi ta' droga kokaina.

Dalgħodu, quddiem il-Maġistrat Monica Vella, David Rafael Castillo ta' 31 sena u Geraldine Mora Huizi ta' 38 sena, it-tnejn mill-Venezwela, ġew akkużati b'importanzjoni ta' kokaina, assistenza f'importazzjoni ta' kokaina u pussess tal-istess droga.

L-ispettur tal-Puliizja Justine Grech spjegat kif Castillo ġie arrestat fl-ajruport ta' Malta nhar is-Sibt li għadda b'suspetti li huwa kien bela numru ta' kapsuli mimlijin bil-kokaina. Permezz ta' 'X-Rays', ġie kkomfermat li r-raġel kien infatti bela madwar 100 kapsula, li b'kollox kienu jammontaw għal kilogramm kokaina.

Il-kompliċi tiegħu, Huizi kienet arrestata f'lukanda f'Buġibba, wara li l-Pulizija waslet għaliha mill-komunikazzjoni li saret lejha mill-mobile ta' Castillo. Fis-sink tal-kamra tal-lukanda li kienet tinsab fiha, il-Pulizija sabet kilogramm kokaina ieħor.

"Qed inħarsu lejn krimini organizzat hawn," sostniet l-Ispettur Grech. "Jidher li persuna minn barra l-pajjiż tagħthom istruzzjonijiet biex jitilqu mill-Brażil, jaqbdu titjira lejn Zurich, fl-Iżvizzera, u minn hemm jiġu Malta. Meta ġew arrestati kienu qed jistennew għal aktar istruzzjonijiet."

L-ispettur Jonathan Caruana spjega li kien infurmat li r-raġel kien bela l-100 kapsula l-Brażil qabel telaq għall-Iżvizzera minn Sao Paola. It-tieni persuna, is-sieħba, Huizi, ukoll waslet Malta mill-Iżvizzera fuq titjira differenti, minkejja li t-tnejn ġew konnessi bejniethom, anke permess tal-mobiles tagħhom.

L-avukati Leontine Calleja u Benjamin Valenzia li qed jiddefendu lil Castillo u Huizi rispettivament infurmaw lill-Qorti li l-akkużati se jiddikjaraw lilhom infushom 'mhux ħatja' tal-akkużi miġjuba kontrihom

More in Kronaka