Tisfronda parti mill-art f'impjant tat-trattament tal-ilma fil-Mellieħa

Il-Gvern qed jagħmel investigazzjoni biex jiġi stabbilit x'ġara

L-impjant f'Taċ-Ċumnija fil-Mellieħa
L-impjant f'Taċ-Ċumnija fil-Mellieħa

Parti mill-art fl-impjant għat-trattament tal-ilma fiż-żona magħrufa bħala Taċ-Ċumnija fil-Mellieħa, ċeda hekk kif kien għaddej il-proċess ta' ittestjar.

L-impjant huwa wieħed ġdid, u għaldaqstant kienu qed isiru t-testijiet meħtieġa. Fi stqarrija, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qalet li kienu qed isiru testijiet f'parti tal-impjant li hija pjanata li se ssaffi l-ilma tad-drenaġġ, meta għal xi raġuni, ċediet parti mill-art.

Il-korporazzjoni għalhekk, qalet li se tkun qed tniedi investigazzjoni sabiex jiġi determinat x'seħħ eżattament u x'wassal għal dan l-inċident.

Min-naħa tiegħu, stqarrija mill-Gvern qalet kif inħatru numru ta' esperti sabiex imexxu l-investigazzjoni ħalli tkun analizzata s-sitwazzjoni u jkunu stabbiliti l-fatti kif seħħew.

Il-Gvern kompla jgħid li abbażi ta’ dan, se jkun qed jagħti direzzjoni lil WSC biex tieħu l-azzjonijiet meħtieġa.

 

 

More in Kronaka