'Iżżewiġtek għax tħassartek'

Il-Qorti tiddikjara żwieġ null: Hu qallha li żżewwiġha għax "jitħassarha" u hi tgħid li żżewġitu għax ommha u missierha kienu jgħidulha li "qed tgħix fid-dnub"

Il-Qorti tiddikjara żwieġ null
Il-Qorti tiddikjara żwieġ null

Żwieġ ta' konvenjenza li dam 26 sena kien iddikjarat null mill-Qorti wara li nstema' kif iż-żewġ partijiet daħlu għalih taħt pressjoni qawwija li kienet ġejja mill-ġenituri. Il-ġenituri tal-armla għamlu pressjoni fuqha biex tidħol fiż-żwieġ, bil-Qorti tisma' kif dawn kienu ta' spiss ifakkruha li qed tgħix fid-dnub, hekk kif ma kinitx miżżewġa, anke jekk kienet qed tgħix ma' xi ħadd.

Il-mara, li staqsiet lill-Qorti biex tiddikjara ż-żwieġ tagħha null, spjegat kif wara l-mewt ta' żewġha kienet ommha stess li laqqgħetha mar-raġel. Hi bdiet toħroġ miegħu, bit-tama li ssolvi l-problemi finanzjarji tagħha u ftit tax-xhur wara żżewġitu. 

Il-Qorti semgħet kif kienet l-omm li kienet qed tagħmel pressjoni qawwija fuq bintha biex tiżżewweġ u ma tibqax tgħix fid-dnub. Minn naħa l-oħra r-raġel li żżewġet kien qed jgħaddi minn miżerja hekk kif ommu kienet kontinwament qed titolbu l-paga kważi kollha biex tkun tista'  tlaħħaq mal-ispejjeż biex trabbi 14-il wild ieħor. 

Maż-żwieġ mill-ewwel bdew il-problemi, bil-Qorti tisma' kif ir-raġel kien sar aggressiv u kien jgħid lil martu li żżewiġha għax kien qed jitħassarha u għax ried jeħles minn ommu. 

L-Imħallef Abigail Lofaro, fis-sentenza tagħha, qalet li m'hemmx dubju illi ż-żwieġ kien wieħed ta' konvenjenza, biż-żewġ partijiet jiżżewġu għal skop lilhinn minn dak li għalih jsiru ż-żwiġijiet. Il-Maġistrat qalet illi l-koppja komplew bil-pjanijet għat-tieġ minkejja li kienu jafu li qed jgħaġġlu l-proċess kollu. 

 

 

More in Kronaka