Ajkla tal-Kalzetti maqtula fil-Girgenti

BirdLife tirrapporta dwar il-massakru ta’ tajr protett li qed ikompli tul l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa bil-qtil ta’ ajkla rari oħra. F’żaqq l-għasfur instab ċomb illegali, ikbar milli hu permess mil-liġi

Eżatt f’għeluq ix-xahar mill-passa eċċezzjonali ta’ ajkli rari minn fuq Malta li wasslet biex mill-inqas għaxra minn madwar 60 Ajkla Bajda u Ajkla tal-Kalzetti jinqatlu fil-bidu ta’ Novembru, ilbieraħ ajkla oħra rari minn dawn spiċċat fil-mira tal-kaċċa illegali u nqatlet fil-Girgenti.

Kien għall-ħabta ta’ nofsinhar xħin daħlu l-ewwel rapporti li kienet osservata Ajkla tal-Kalzetti (Booted Eagle) – tajra tal-priża protetta li hi speċi rari għal Malta – tittajjar fuq l-ajruport. Ftit sigħat wara, għall-ħabta tat-15:00 daħlu aktar rapporti lill-BirdLife, li l-ajkla kienet osservata fil-Girgenti fejn kienet tinsab fil-mira tal- kaċċaturi. Eventwalment, wara aktar rapporti li rċeviet BirdLife Malta li kienu qed jiġu sparati tiri lejn l-ajkla waqt li kienet ittir minn fuq il-wied, l-ajkla ma dehritx aktar.

Kien madwar siegħa wara li informazzjoni ġdida wasslet biex BirdLife Malta tirkupra lil dan l-għasfur mill-Wied tal-Girgenti. It-tajra, li nstabet mhux qed tiċċaqlaq, ittieħdet mill-ewwel għand veterinarju li wara li ħaditilha X-ray iċċertifikat il-ġrieħi serji li sofriet kaġun ta’ tiri ta’ senter u kien deċiż li titraqqad. L-ajkla kellha sieqha tal-lemin miksura u ċomb f’żaqqha ikbar minn dak permess mil-liġi – xi ħaġa li tindika l-intenzjoni tal-kaċċatur li jimmira speċifikament lejn tajr tal-priża.

L-Ajkla tal-Kalzetti (Hieraaetus pennatus) hi għasfur tal-priża ta’ daqs medju, l- aktar tal-passa, li jinstab l-aktar fil-Palearctic u fin-Nofsinhar tal-Asja. Iqatta’ x- xitwa f’inħawi tropikali fl-Afrika u l-Asja u hu magħruf li jbejjet f’numri żgħar fil- Lbiċ tal-Afrika. Din l-ajkla hi kkunsidrata bħala l-iżgħar waħda fl-Ewropa.

Sa mill-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa f’Settembru li din is-sena ġab miegħu massakru ta’ tajr protett, BirdLife Malta salvat u tat kura veterinarja lil madwar 100 għasfur ferut. Dawn kienu jvarjaw – minn tajr protett bħall-Ajkla tal-Kalzetti u l-Bies li hu speċi ikonika għal Malta tant li hu magħruf bħala l-‘Falkun ta’ Malta’ għal għadd kbir ta’ mlievez, summien u sturnell.

Dan in-numru ma jinkludix l-ammont kbir ta’ każi li nafu bihom ta’ għasafar maqtula u l-lista dejjem titwal ta’ illegalitajiet li ġew irrappurtati mill-bidu tal- istaġun ta’ din is-sena ’l hawn, speċjalment fl-eqqel tal-passa tat-tajr tal-priża. Fosthom iċ-Ċikonji Suwed, kuċċard u rsieset. 

F’dawn iċ-ċirkostanzi, ironikament, l-uniku każ li nafu li spiċċa fil-qorti s’issa hu dak tat-3 ta’ Novembru meta l-Pulizija akkużat raġel ta’ 23 sena mill-Mosta bil-qtil ta’ waħda mill-Ajkli tal-Kalzetti li ġew osservati fil-passa eċċezzjonali ta’ ajkli rari li kellna x-xahar li għadda. Kienet l-evidenza li ġabret BirdLife Malta li wasslet għal dan l-arrest. Is-suspettat ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000.

Fid-dawl ta’ dan kollu, BirdLife Malta se tkompli tinsisti fuq il-ħtieġa li f’Malta titwaqqaf il-Wildlife Crime Unit – taqsima speċjalizzata li tgħin biex il-Pulizija Maltija verament ikollha l-għodda biex tiġġieled reati kriminali marbuta man- natura u l-ksur tal-liġijiet ambjentali tagħna. Huwa ċar li pajjiżna għandu bżonn taqsima aktar b’saħħitha li tkun inkarigata mill-infurzar tal-liġi – taqsima li taħdem fil-qrib mal-NGOs biex verament inħarsu lill-għasafar u lin-natura fil-gżejjer tagħna. 

More in Kronaka