Skont rapport fuq il-paġna TVM.com ġiet arrestat persuna li allegatament tajret liż-żagħżugħ Olandiż ta' 20 sena, ħallietu għal mejjet u baqgħet sejra.
Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-4:00, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Sant’Andrija, San Ġiljan (ftit ‘l isfel mit-traffic lights ta’ Pembroke). Il-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan marru fuq il-post fejn sabu raġel mitluq fl-art. Ir-raġel kien jidher ferut u kellu xi dmija. Fuq il-post issejħet ambulanza għall-assistenza iżda sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet.
Minn investigazzjonijiet illi saru jidher li r-raġel għandu 20 sena, huwa Olandiż u residenti Ħal Għaxaq. Jidher ukoll li x’aktarx huwa safa’ milqut minn vettura li għal xi raġuni telqet minn fuq il-post.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jgħinuh.