Il-Pulizija Ġermaniża qegħdin jgħidu li issa m'humiex ċerti jekk ir-raġel Pakistani li ġie arrestat wara l-attakk f'Berlin ilbieraħ filgħaxija, li fih mietu 12-il persuna u ndarbu aktar minn 50, huwiex fil-verità responsabbli minn dan l-attakk.
Il-Kap tal-Pulizija f'Berlin, Klaus Kandt, saħaq aktar kmieni llum li r-raġel li ġie arrestat, ċaħad l-involviment tiegħu fl-attakk, u allura issa m'għadux ċert jekk is-sewwieq tat-trakk kienx hu. Infatti skont il-Pulizija, il-qattiel jista' jkun li għadu maħrub.
Ir-raġel, ta' oriġini Pakistana daħal il-Ġermanja fi Frar li għadda u filwaqt li kien diġà magħruf mall-Pulizija għall-xi krimini minuri, kien qiegħed jistenna li jingħatalu l-istat ta' refuġjat.
Ilbieraħ filgħaxija, wara l-attakk li ħalla 12-il vittma, ir-raġel ta' 23 sena inqabad f'park viċin tal-villaġġ tal-Milied milqut wara li numru ta' nies irrappuratawh jaħrab minn fuq il-post. Minkejja dan, is-suspettat li ġie arrestat, jista' jinħeles għax ċaħad l-akkużi.
Tul il-ġurnata tal-llum, Angela Merkel ħalfet li jkun min ikun il-ħati ta' dan l-attakk, se jiġi kkastigat bl-iktar mod aħrax li tippermetti l-liġi.
Dan qalitu fost kritika qawwija minn naħa tal-pubbliku, dwar il-politika tagħha favur il-fruntieri miftuħa, li permezz t'hekk il-Ġermanja rat influss ta' 890,000 immigrant jitolbu r-refuġju fil-Ġermanja. Il-pajjiż jinsab mifrud bi kritika kontra dan il-fatt u b'numru dejjem jiżdied ta' nies li jattribwixxu l-attakki terroristiċi man-numru dejjem jiżdied ta' refuġjati.