Tard ilbieraħ, għall-ħabta tal-22:15 ta’ filgħaxija, kien hemm ħabta bejn żewġ karozzi fi Triq ir-Rabat, iż-Żebbuġ, Għawdex.
Hekk kif il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post, stħarriġ preliminari rriżulta li karozza tat-tip Toyota Rav4 misjuqa minn mara ta’ 38 sena mir-Rabat, Għawdex, ħabtet ma ‘karozza oħra tat-tip Ford Focus misjuqa minn raġel ta’ 39 sena mill-Mellieħa.
Flimkien mas-sewwieqa fit-Toyota kien hemm ukoll mara oħra ta’ 29 sena minn Għajnsielem, filwaqt li fil-Ford kien hemm passiġġiera ta’ 28 sena u tifel ta’ 6 snin, li lkoll indarbu fl-inċident.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili assistew sabiex il-vittmi jinħarġu mill-vetturi tagħhom u fuq il-post issejħu diversi ambulanzi li ħadu lill-vittmi l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
Il-Mara Għawdxija, sewwieqa tat-Toyota sofriet ġrieħi ta’ natura gravi, filwaqt li l-persuni l-oħra, inkluż it-tifel, jidher li weġġgħu b'mod ħafif.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.