L-ajruplan tat-tip Airbus A320 li nhar it-23 ta' Diċembru li għadda ġie użat sabiex isir hijack, li kellu l-intenzjoni li jmur Ruma għadu jinsab f'Malta.
L-ajruplan tal-linja tal-ajru Afriqiyah Airways li jiswa mat-$98 miljun, jinsab fil-kustodja tal-awtoritajiet Maltin. Iktar kmieni dalgħodu, waqt il-każ taż-żewġ hijackers Moussa Shaha u Ahmad Aliah, l-avukat Daniel Buttigieg, li kien qed jidher għal-linja tal-ajru, talab li dan l-ajruplan jiġi meħlus u rritornat lura lejn il-pajjiż, hekk kif l-informazzjoni neċessarja kienet inġabret diġà.
Minkejja dan, il-Qorti qalet li dan mhux possibbli minħabba li l-ewwel jeħtieġ li jitlesta r-rapport tal-esperti li ġie ordnat mill-Qorti. Huwa minfhum iżda, li dan se jkun qed jiġi preżentat għada.
Il-każ għandu jkompli fid-19 ta' Jannar.