Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Anthony Vella llum waranofsinhar laqgħet talba magħmula minn Afriqiyah Airways sabiex jiġi rilaxxat l-ajruplan Airbus A320-214 li nhar it-23 ta’ Dicembru 2016 ġie maħtuf minn żewġ Libjani.
Dan wara li iktar kmieni llum ġiet formalment ippreżentata lill-Qorti l-inkjesta magħmula mill-Maġistrat inkwerenti Dr Doreen Clarke.
L-ajruplan li kien ġie maħtuf miż-żewġ Libjani, kien fi triqtu lejn tripli minn Sabha fin-nofsinhar tal-Libja, meta l-hijackers ordnaw lill-piloti sabiex jibqa' sejjer lejn Ruma u ma jiqafx fi Tripli.
Il-linja tal-ajru Afriqiyah kienet diġà talbet lill-qorti sabiex dan l-ajruplan jiġi rilaxxat, iżda r-rapport mill-esperti li kien ġie ordnat mill-Qorti kien għadu ma ġiex ippreżentat.
Fl-inkjesta, ġew elevati żewġ black boxes mill-ajruplan, flight data recorder u cockpit voice recorder, li nżammu għall-finijiet tal-proċess ġudizzjarju.