Ilbieraħ filgħaxija kien hemm attakk fl-Ajruport ta' Fort Lauderdale fi Florida li mill-informazzjoni li ħarġet s'issa jidher li ħalla 5 persuni mejtin, apparti li weġġgħu tmienja minn nies oħra. Kienet persuna waħda biss u li kienet qed topera waħedha wara dan l-attakk.
Jidher illi l-persuna, li ġie arrestat, li aktar tard ġie identifikat bħala veteran tal-gwerra fl-Iraq, Esteban Santiago, ta' 26 sena, beda jispara fuq in-nies fl-ajruport madwar it-20:00 ta' filgħaxija. Uffiċjali tas-sigurtà m'humiex jeskludu t-terroriżmu bħala r-raġuni wara dan l-attakk li wettaq Santiago.
Minn informazjoni li għandha l-FBI, jidher li Santiago, kien diġà kellu xi problemi mal-liġi fil-passat, u li f'okkażjoni minnhom kien daħal f'uffiċċju tal-FBI f'Anchorage fl-Alaska, fejn huwa sostna li l-Gvern Amerikan kien qiegħed jikkontrollalu moħħu u jġiegħlu jara filmati tal-Istat Iżlamiku (IS). F'dik l-okkażjoni, wara li l-FBI aċċertat li Santiago m'għandux intenzjoni li jweġġa' lil ħadd, huwa ttieħed f'faċilità psikjatrika għal evalwazjoni u kura.
Diversi ritratti u filmati li ttieħdu fuq il-post urew mijiet ta' nies jistennew barra hekk kif l-ambulanzi bdew isuqu fil-viċinanzi u jiġbru lil uħud mill-vittmi li kellhom bżonn l-għajnuna.
Ħadd mhu qed jitħalla jidħol jew jitlaq mill-ajruport u it-titjiriet kollha ġew sospiżi. Madwar 75,000 passiġġier jużaw dan l-ajruport kuljum.