Għall-ħabta tas-14:15 ta’ wara nofsinhar seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Villabate, Ħaż-Żabbar (bypass ta’ Marsaskala), fejn fih, raġel ta’ 41 sena miż-Żejtun u l-kelb tiegħu ittajru minn karozza, li baqgħet sejra u ħarbet minn fuq il-post.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post fejn sabet lir-raġel u l-kelb mal-art. Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
Fuq il-post issejhet ukoll ambulanza tal-annimali iżda sfortunatament il-kelb miet fuq il-post.
Bil-każ giet infurmata l-Magistrat tal-Ghassa Dr G Vella, li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin hekk kif il-Pulizija qegħda żżomm raġel sabiex jgħina fl-investigazzjonijiet tagħha, b’rabta ma’ dan il-kaz.