Raġel Sirjan ta' 54 sena, residenti Bormla, ġie mtella' l-Qorti llum b'konnessjoni mal-inċident tat-traffiku li seħħ nhar is-Sibt li għadda li fih ittajjar raġel li kien qiegħed passiġġata bil-kelb tiegħu. Ir-raġel indarab gravi u l-kelb miet fuq il-post, filwaqt li s-sewwieq li tajjarhom ħarab minn fuq il-post.
Ahmad Abu Hassan, tressaq quddiem l-Imħallef Josette Demicoli, akkużat li weġġa' gravament lir-raġel ta' 41 sena li kien passiġġata bil-kelb tiegħu fi Triq Villabate, Żabbar, hekk kif huwa kien qiegħed isuq il-karozza tiegħu fis-sakra, u wara li tajjar lill-vittmi, ħarab minn fuq il-post.
Il-vittma tal-inċident ta' 41 sena ttieħed l-isptar għall-kura, fejn aktar tard ġie ċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi gravi. Sfortunatament, il-kelb miet fuq il-post mal-impatt.
Hassan ġie mixli wkoll b'sewqan perikoluż, veloċità eċċessiva, sewqan waqt li kien l' fuq mill-limitu tax-xorb u sewqan taħt l-influenza tal-alkoħol jew drogi, flimkien ma' akkużi dwar il-fatt li huwa ħarab minn fuq il-post tal-inċident li kkawża.
L-Ispettur tal-Pulizija Christabelle Chetcuti, talbet lill-Qorti, biex il-vettura ta' Hassan tiġi kkonfiskata, kif ukoll li tiġi sospiża l-liċenzja tas-sewqan tal-akkużat, peress li huwa kien ukoll reċediv. Il-prosekuzzjoni talbet ukoll li tinħareġ ordni ta' protezzjoni favur il-vittma.
L-avukat difensur ta' Hassan, talab li l-akkużat jitqies innoċenti u jingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-Ħelsien ingħatalu fuq depożitu ta' €1000 u garanzija personali ta' €5000.