Il-Qorti ordnat lil Ayman Abul-Ez Mohammed Hanafwa 40 xhar ħabs fuq pussess aggravat ta' ectasy u reżina tal-kannabis. Hanafwa li għandu l-vizzju tad-droga kien xehed illi għandu bżonn l-għajnuna biex joħroġ mill-vizzju tad-droga u talab li ma jinbagħatx il-ħabs.
Imma l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja nnotat kif ir-raġel kien diġa tpoġġa taħt sentenza sospiża u l-akkużat kien rema' din l-opportunità. Il-Maġistrat semma kif Hanafwa kien diġa ngħata ċans biex ibiddel il-modi tiegħu u ngħata sentenza sospiż , imbagħad reġa nqabad owettaq offiżi oħrajn sitt xhur wara biss.
Il-Maġistrat fakkar lil Hanafwa illi bidliet fil-liġijiet tad-droga, li iddikriminalizza l-użu personali tad-droga, ma jfissirx li wieħed jagħmel li jrid u li kollox jgħaddi. Filwaqt li attiva s-sentenza sospiża li kienet mogħtija lilu l-Maġistrat żied lil Hanafwa 16-il xhar oħra priġunerija, biex b'kollox issa se jkollu 40 xhar priġunerija. Ma' dan il-Maġistrat żied ukoll multa ta' €2,000.