filmat | 16-il tifel u tifla maħruqa ħajjin f'inċident f'Verona

L-istudenti kienu qed jirritornaw lejn pajjiżhom wara vaganza fil-muntanji fi Franza

Minn tal-inqas 16-il żagħżugħ u żagħżugħa mill-Ungerija, tilfu ħajjithom wara li nħarqu ħajjin f'xarabank qrib Verona fl-Italja. Iż-żgħażagħ li kellhom bejn 14 u 18-il sena, kienu qegħdin fuq xarabank li għal xi raġuni ħabtet u ftit wara qabad in-nar.

Minkejja s-16-il vittma, kien hemm ukoll 39 oħra li weġġgħu f'dan l-inċident, b'10 minnhom ikunu f'kundizzjonijiet gravi.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija meta x-xarabank ħabat ma' kolonna fil-ġenb tat-triq hekk kif kien ħiereġ mill-motorway A4 qrib Verona.

It-tfal u żgħażagħ kienu qed jirritornaw lura lejn Budapest minn Franza fejn kienu qegħdin għal vaganza qalb il-muntanji.

 

Hu rrappurtat li mal-impatt, numru kbir mill-istudenti inbesqu 'l barra mill-vettura, u ftit wara l-impatt din ħadet in-nar, bil-konsegwenza li nħarqu ħajjin 16-il żagħżugħ fil-maġġoranza tagħhom subien li ma rnexxilhomx joħorġu mill-vettura fil-ħin.

Minkejja dan, il-membri tal-protezzjoni ċivili qalu li n-numru tal-vittmi mhux mistenni jiżdied.

More in Kronaka