Mara ta' 51 sena residenti San Pawl il-Baħar sofriet ġrieħi gravi hekk kif żagħżugħ ta' 16-il sena allegatament aggrediha b'sikkina. Wara dan l-attakk, il-ġuvni ħarab minn fuq il-post.
Il-każ seħħ iktar kmieni dalgħodu għall-ħabta tat-8:30 f'residenza privata fi Triq il-Knisja f'San Pawl il-Baħar, fejn qed jiġi rrappurtat li l-vittma tiġi omm l-aggressur, li allegatament ħarab minn fuq il-post b'karozza. Il-Pulizija fil-fatt arrestat lill-ġuvni ftit tas-sigħat wara l-każ.
Wara li ntalbu l-assistenza tagħhom, il-Pulizija mid-Distrett tal-Qawra marru fuq il-post fejn sabu l-mara ssofri minn ġrieħi kkawżati minn sikkina.
Issejħet Ambulanza li ħadet lill-mara ta’ 51 sena residenti San Pawl il-Baħar stess, l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Il-mara ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi ta’ natura gravi, u tinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħattret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.
Il-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra għaddejjin bl-investigazzjoni fuq il-każ.