Anzjan iweġġa' gravi wara li waqa' sular

Raġel ta' 66 sena waqa' minn fuq sellum meta kien qed jagħmel xi xogħlijiet fuq bejt f'Marsaskala

Raġel ta' 66 sena weġġa' gravi wara li waqa' għoli ta' madwar sular minn fuq sellum, meta kien qed jagħmel xi xogħlijiet fuq bejt ta' residenza f'Wied il-Għajn.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-13:00, meta l-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident fi Triq l-Ikħal, Marsaskala.

Għaldaqstant il-Pulizija tad-Distrett marru mmedjatament fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari illi sar, irriżulta li raġel ta’ 66 sena resident Marsaskala waqa’ madwar sular minn fuq sellum waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħolijiet fuq bejt ta’ residenza f'Wied il-Għajn.

Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll ambulanza sabiex jassistu lill-vittma. Huwa ttieħed minnufih l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċetifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka