Persuna ġiet konfermata mejta wara li l-karozza li kienet tisab fiha splodiet, ftit 'il bogħod mill-kwartieri ġenerali tal-Maltapost f'Ħal Qormi. Rapporti mhux konfermati qed jgħidu li l-vittma huwa Victor Calleja ta' 65 sena mill-Ħamrun, magħruf bħala ċ-'Chippy'.
Il-karozza bomba, tat-tip Opel Astra bajda kienet qed tiġi misjuqa lejn id-direzzjoni ta' Ħaż-Żebbuġ u ħalliet l-ewwel vittma tas-sena ta' karozza bomba.
Il-każ seħħ ftit wara t-tmienja ta' filgħodu, għall-ħabta tat-8.10am u ġie rrappurtat kif l-isplużjoni nstemgħet minn diversi lokalitajiet fil-qrib.
Il-membri tal-'bomb disposal unit' marru mil-ewwel fuq il-post fejn anke begħdu l-ġurnalisti sakemm jiġi assigurat li ma kien għad fadal l-ebda traċċi ta' splussiv.
Din kienet l-ewwel karozza bomba għal din is-sena, wara li s-sena li għaddiet, kien hemm tliet każi ta' karozza bomba li ħallew żewġt irġiel mejta f'Buġibba u Marsaskala rispettivament, waqt li żewġt irġiel spiċċaw feruti f'karozza bomba fil-Marsa. Sorsi minn fuq il-post sostnew li l-mod ta' kif taħdem din il-bomba kien differenti minn dik tal-Marsa u Marsaskala.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.