Il-każi pendenti quddiem il-Qrati jonqsu b'9,000 f'sitt snin
...II-Gvern jgħid li dan huwa l-inqas ammont minn kemm ilha tittieħed l-istatistika...
More in Kronaka
...II-Gvern jgħid li dan huwa l-inqas ammont minn kemm ilha tittieħed l-istatistika...
Fi stqarrija l-Gvern qal illi l-għadd ta’ kawżi pendenti fil-Qrati Ċivili jinsabu fl-inqas livell li qatt kienu minn meta bdiet tinżamm din l-istatistika sbatax-il sena ilu. Dan huwa sinjal ċar tal-frott li qed tħalli r-riforma ħolistika fis-settur tal-ġustizzja li l-Gvern beda jwettaq fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura.
'Minn meta bdiet tinżamm din l-istatistika fis-sena 2000, sena b’sena, it-total ta’ każijiet pendenti fil-Qrati Ċivili Maltin niżel minn 18,831 każ pendenti fis-sena 2000 għal 9,815 fi tmiem l-2016. Dan huwa xhieda tal-ħidma li saret mill-Gvern, mill-Ministeru tal-Ġustizzja u mid-dipartimenti konċernati sabiex il-proċeduri u l-ħidma tal-Qrati Maltin isiru aktar effiċjenti u spediti,'kompliet tgħid l-istess stqarrija.
L-għadd ta’ każijiet pendenti fil-Qrati Ċivili kompla jonqos anke fl-ewwel xahar ta’ din is-sena, tant li l-każi pendenti sal-aħħar ta’ Jannar 2017 niżlu għal 9,686. Dan ir-riżultat ma ġiex b’kumbinazzjoni iżda huwa frott il-ħidma ffukata li tinkludi emendi legali, żieda fl-għodod tal-informatika u tisħiħ tar-riżorsi, anke permezz ta’ avukati full-time dedikati mal-Qrati Ċivili. Dan waqt li ġie implimentat roħs f’diversi proċeduri ċivili sabiex jiżdied l-aċċess għall-ġustizzja.