Ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tad-20:45, seħħ inċident tat-traffiku ieħor li jinvolvi ħabta b’mutur li ħalla raġel ta’ 27 sena mweġġa’ gravi wara li ħabat bil-mutur tiegħu fi Triq Birkirkara, San Ġwann.
Minn investigazzjonijiet preliminari illi saru fuq il-post, irriżulta li l-ħabta seħħet bejn mutur tat-tip Honda CB600 li kien qiegħed jinstaq minn raġel ta’ 27 minn Birkirkara, u karozza tat-tip Toyota IQ2 li kienet qegħda tinstaq minn tfajla ta’ 20 sena minn San Ġwann.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġwann għadhom għaddejjin.